Id-Dinja tar-Rużarju mal-Ordni tal-Predikaturi
Anglais
Espagnol
Français
Contact
 
Accueil du site > Dokumenti > Ħsibijiet

Santa Liena u r- Rużarju

vendredi 19 novembre 2010

Toutes les versions de cet article :

Dan l-artiklu ġie miktub għall-fuljett “Il-Qanpiena” li kien jinħareġ mill-Parroċċa ta’ Santa Liena, Birkirkara, Malta.

Dan l-aħħar ġieni li nistaqsi jekk Santa Liena għandiex xi ħaġa x’taqsam mar-Rużarju: u qgħadt naħseb!

Żgur li Santa Liena ma għandha xejn x’taqsam mar-Rużarju bħala tali, u wisq anqas kif nafuh illum. Żgur li mhux se ngħid li din it-talba qaddisa taf il-bidu tagħha lill-qaddisa protettriċi tagħna, għax jiena nżomm ma’ dik it-tradizzjoni li tgħid li l-Madonna tat ir-Rużarju mqaddes lil San Duminku ta’ Gużman. Fil-kwadri u l-istatwi kollha tal-Madonna tar-Rużarju l-artisti dejjem juru lill-Madonna bil-Bambin f’dirgħajha, it-tnejn jagħtu kuruna tar-Rużarju: l-Omm tagħti l-kuruna lil San Duminku u l-Iben jagħtiha lil Santa Katarina minn Siena. Narawhom flimkien jirċievu l-kuruna tar-Rużarju dawn iż-żewġ qaddisin dumnikani allavolja kienu jgħixu sekli ‘l bogħod minn xulxin.

L-arti turi lill-Madonna u l-Bambin jagħtu l-kuruna magħmula mill-għaxriet ta’ żibeġ li fuqhom jingħadu l-Avermarijiet mifrudin biż-żibġiet tal-‘Glorja lill-Missier’. Irrid nemmen li l-Madonna lil Duminku u ‘l Katarina ma tathomx il-kuruna tar-Rużarju; kieku kien hekk, xi ħadd sabha dil-kuruna u baqa’ jgħożża bħala relikwa, ħaġa għażiża mogħtija lill-bnedmin minn Omm għażiża. Nemmen li Ommna tas-sema, flimkien ma’ binha u ħuna Ġesù, nebbħu lil San Duminku u wkoll lil Katarina biex isawwru u jxandru mod sempliċi ta’ kif wieħed jista’ jiftakar, jimmedita u jitlob fuq il-misteri tal-Inkarnazzjoni ta’ Bin Alla u tar-Redenzjoni tagħna, li jinkludu wkoll il-wegħda tas-sehem tagħna fil-glorja tas-sema. Din it-tnebbiħa kienet tweġiba għall-ħtiġijiet tal-bnedmin u tal-Knisja minn żmien San Duminku ‘l hawn, żminijiet li fihom kien jixxandar tagħlim qarrieqi u kien jonqos ħafna x-xandir ħabrieki tal-Kelma ta’ Alla.

Niġu għaż-żminijiet li fihom għexet Santa Liena. Il-ħtiġijiet tan-nies u tal-Knisja fi żmienha kienu differenti u t-tweġibiet għalihom bilfors kellhom ikunu differenti. L-insara kienu ħerġin bil-mod minn żminijiet ta’ nuqqas ta’ libertà li kienet ixxekkel il-ħajja nisranija tagħhom, anzi minn persekuzzjonijiet ħorox jekk kienu jistqarru u jqimu fil-beraħ lil Sidna Ġesù. Għalhekk, fi żmien il-qaddisa protettriċi tagħna l-insara ma kellhomx bżonn iż-żibeġ tar-Rużarju, imma l-ħelsien biex jistqarru l-fidi fil-beraħ, kif ukoll kienu jaħtieġu mkejjen li fihom setgħu jinġabru biex flimkien jifirħu u jiċċelebraw it-tama tas-Salvazzjoni tagħhom.

Nimmaġina u nemmen li kien dan il-ħsieb li l-Mulej poġġa f’moħħ u f’qalb Sant’Elena meta nebbaħha u hi tqanqlet biex, allavolja anzjana, titlaq għal għonq it-triq u terħila lejn il-Palestina. Hi riedet issir taf l-art li fiha twieled, għex, bata u miet, u qam mill-mewt is-Salvatur tagħna. Santa Liena fittxet il-postijiet li kienu mportanti fil-ħajja tal-Feddej: fittxet il-grotta tat-twelid ġo Betlem; fittxet il-quċċata tal-għolja tal-mewt u l-ħofra tal-qabar mnejn qam għall-ħajja. Fittxithom bir-reqqa dawn l-imkejjen qaddisa sakemm kienet ċerta, daqskemm wieħed jista’ jkun ċert, li dawk kienu l-postijiet li fihom seħħew il-misteri tal-fidwa tagħna. Ma ridetx, Elena, tinganna ruħha jew tesponi għaċ-ċajt lir-reliġjon li ħaddnet billi timmarka bħala veri postijiet żbaljati. Hi fittxet dawn il-postijiet għax riedet bħallikieku tiltaqa’ b’mod mistiku ma’ l-Imgħallem li kienet tgħallmet tħobb.

Elena ma kinetx kuntenta biss li titkixxef fejn kienu u tikxef dawn il-postijiet imqaddsa. Meta rat li tempji pagani kienu jfixklu jew jimpedixxu l-aċċess ta’ l-insara għal dawn il-postijiet, l-Imperatriċi Awgusta, bis-setgħa mogħtija lilha minn binha l-Imperatur Kostantinu, ma ddejqitx tibgħat tħott it-tempji biex hekk id-devoti setgħu mill-ġdid jersqu qrib u jitolbu fuq il-postijiet tal-misteri tal-fidwa tagħna. Mhux biss, riedet li jinbnew bażilki li jindukraw dawn l-imkejjen u joffruhom bħala post ta’ pellegrinaġġ li fihom isir talb, meditazzjoni u ċelebrazzjonijiet biex hekk, dawk li jafu li huma wlied Alla, jogħxew jimxu fuq l-art immarkata bil-passi tal-Imgħallem, kif għadhom jagħmlu sal-ġurnata tal-lum. B’dan il-mod il-Mulej għamel lil Santa Liena strument biex il-Knisja kisbet il-ħelsien, il-poplu seta’ jżur il-postijiet li fihom twettqet ir-redenzjoni tal-bniedem u l-insara jiksbu l-faċilitajiet meħtieġa biex iqimu u jxandru l-misteri tat-twelid, tal-passjoni u l-mewt, u tal-qawmien mill-imwiet ta’ Sidna, misteri li jfakkruna li aħna wkoll għad nieħdu sehem fil-glorja ta’ dejjem.

Inħoss li nista’ ngħid li l-impenn li ħeġġeġ il-qlub ta’ Duminku u Katarina biex ixandru fost il-bnedmin kollha l-misteri ta’ Kristu taħt il-forma ta’ rużarju, kien l-istess impenn li ħeġġeġ lil Elena biex tfittex u tagħmel aċċessibbli għall-poplu nisrani l-imkejjen fejn twettqu dawn l-istess misteri.

Ma naħsibx li nkun qed nesaġera meta ngħid li hemm ċertu rabta bejn Santa Liena u r-Rużarju mqaddes. Qrib il-bidu tal-ewwel millennju tal-era nisranija Elena għamlet li setgħet biex tiffaċilita l-qima lejn il-misteru tas-salib imqaddes. Lejn il-bidu tat-tieni millennju Duminku ta’ Gużman u mbagħad Katarina minn Siena offrew metodu ta’ talb u kontemplazzjoni tal-istess misteru li seħħ madwar is-salib imqaddes. Fil-bidu tat-tielet millennju jmiss lilna nimpenjaw irwieħna biex inġeddu u nkattru t-tagħrif dwar il-fidwa tagħna u nħeġġu bit-talb tagħna l-qima lejn l-Iben t’Alla li sar bniedem bħalna, u sar għalina Mgħallem u Salvatur, biex aħna lkoll inkunu bnedmin tassew ħielsa, b’viżjoni aktar ċara ta’ fejn nixtiequ naslu meta ħajjitna tasal fi tmiemha.

Fi żmienna, bħal dejjem fl-imgħoddi, hemm min jixtieq ixekkel il-libertà tal-Insara li jgħixu ta’ veru dixxipli ta’ Kristu. Nitolbu għalhekk lil Sant’Elena, protettriċi tagħna, tgħinna nsaħħu u nwessgħu din il-libertà tal-Knisja u tagħna.

Fi żmienna, bħal dejjem fl-imgħoddi, hemm min ixerred tagħlim qarrieqi moħbi taħt libsa ta’ qdusija qarrieqa. Nitolbu għalhekk lil San Duminku u lil Santa Katarina, appostli tar-Rużarju, biex jgħallmuna nitkellmu dejjem u bil-għaqal ma’ Alla jew dwar Alla, kif kienu jagħmlu huma.


l-awtur ta’ dan l-artiklu


Suivre la vie du site RSS 2.0 | Plan du site | Espace privé | SPIP | squelette