Id-Dinja tar-Rużarju mal-Ordni tal-Predikaturi
Anglais
Espagnol
Français
Contact
 
Accueil du site > Dokumenti > Ir-Rużarju

Ir-Rużarju – ezerċizzju ta’ maturita’ fit-talb

vendredi 8 octobre 2010


Stedina għall-maturita’

Forsi paradossali li tassoċja r-Ruzarju mal-maturita’ għax issib min igħidlek li hija talba ripettitiva, monotona u ma tappellax għall-immaġinazzjoni tagħna. Il-maturita’ fil-ħajja tat-talb trid turieha b’mod spontanju u krejattiv. Kollu veru. Sakemm ma nindunax li ħafna drabi, f’din ix-xorta ta’ talb inkun qiegħed spiss ngħid biss dak li rrid jien, nitkellem fuq dak kollu li nixtieq jien, nitlob wisq probabbli għall-bżonnijiet tiegħi u ta’ l-oħrajn. U ma hemm assolutament xejn ħażin f’dan. Fit-talba tal-Missierna stess ngħidu “Ħobżna ta’ kuljum agħtina llum”. Iżda ninsew li fil-bidu nkunu għidna “Ikun dak li trid int”, minkejja l-fatt li f’moħħna spiss nixtiequ nagħmlu dak li rridu aħna. Wieħed jista’ certament jgħid ukoll li r-ripetizzjoni stess fiha ħafna serħan u fejqan mentali, kif jgħallmuna l-għorrief Orjentali. Fiż-żmien ta’ nixfa spiritwali li jiġi fuq kulħadd ir-Rużarju huwa mod effettiv kif tingrana fil-ħajja tat-talb.

Nixtieq ngħid li r-Rużarju huwa talba idejali li tgħinna nikbru fil-maturita’ tal-fidi tagħna. L-ewwelnett proprju għal din ir-raġuni li għadni kif semmejt. Kif qal il-Papa Ġwanni Pawlu II fl-Ittra Appostolika dwar ir-Rużarju, din hija talba li għandha fiċ-ċentru tagħha lil Sidna Ġesu’ Kristu. Dan ifisser li jien irrid nisposta ruħi miċ-ċentru ta’ l-attenzjoni, u nqiegħed lil Ġesu’. Ilkoll nafu li ħafna juru li jkunu baqgħu immaturi meta jkunu dejjem iridu xi ħaġa u qatt ma jkunu kuntenti. Dawn huma pjuttost persuni mhedijin biss u jitħassru lilhom infushom. Ir-Rużarju jgħinna biex negħlbu din it-tendenza u nħarsu lil hinn minnha, nagħrfu li l-uniku teżor tagħna huwa Sidna Ġesu’ Kristu.


Iżda kif jiġri dan eżattament?

L-ewwelnett mill-karatteru tematiku li bih huwa mfassal ir-Rużarju. Jiġifieri mis-suġġett tar-Rużarju li huwa Kristu stess. Aħna nikkontemplaw il-misteri tal-ħajja ta’ Ġesu’ u għalhekk fuq livell intelletwali diġa nkunu qbiżna barra miċ-ċirku dejjaq tal-egoiżmu tagħna. Ma nibqax iffissat fuqi nnifsi anki fit-talb tiegħi, imma issa qed nitgħallem xi tfisser il-kontemplazzjoni. Id-dixxipli staqsew lil Ġesu’, “Mgħallem fejn tgħammar?” U hu weġibhom, “Ejjew u taraw”. Biex il-fidi tiegħi tikber u timmatura, hemm bżonn insikket il-ħafna storbju li hemm madwari u ġewwa fija u mmur niltaqa’ ma’ Ġesu’ biex nara min hu u nsir nafu. Il-misteri tar-Rużarju jseħbuni pass wara l-ieħor fil-misteru ta’ Kristu. L-ewwel immorru għandu imbagħad naraw.

Iżda jien nista’ nkun naf il-Vanġeli kollha bl-amment u xorta nibqa’ mingħajr fidi. Nista’ nkun tgħallimt il-fatti kollha dwar il-ħajja ta’ Ġesu’ iżda nibqa’ biered u indifferenti quddiemhom. Ma jkunx hemm dak il-kuntatt affettiv li tant huwa essenzjali għal kull relazzjoni b’saħħitha u matura. Mingħajr ċaqlieqa fuq il-livell tal-emozzjonijiet tagħna l-konverżjoni hija impossibli. Dan l-ispazju vojt u abissali, bejn il-Vanġelu bħala rakkont u bejn il-qarrej li għadu ma għamilx kuntatt sħiħ mal-Vanġelu bħala l-Kelma t’Alla, jista’ jimlieh ir-Rużarju. Għax x’inhu r-Rużarju jekk mhux il-Vanġelu stess magħmul talba?

Għaldaqstant it-talba tar-Rużarju tinvolvini fl-istess ħajja ta’ Kristu, fejn ma nibqax biss spettatur quddiem il-Misteru tal-Inkarnazzjoni. Permezz tat-talba li qiegħed nagħmel jien iżda b’ħarsti fuq Kristu, qiegħed nimxi mill-qrib wara Ġesu’ b’mod attiv. Huwa mument deċiżiv fil-ħajja ta’ kull Nisrani meta jitfejjaq min-newtralita’ indifferent u kiesħa tal-ħajja emozzjonali u jikber fl-intimita’ ma’ l-Iben t’Alla. Fil-kliem tal-psikoloġi, ir-Rużarju jagħmilna bnedmin sħaħ, għax iġib integrita’ fil-ħajja intelletwali u affettiva tagħna.

Din hija xi ħaġa li fil-fatt kien qal ukoll San Tumas t’Akwinu huwa u jikkumenta fuq it-Talba tal-Missierna li “sit informativa totius nostri affectus”, jiġifieri ġġib ordni u maturita’ fl-emozzjoniet tagħna. Il-kultura li qed ngħixu fiha toħloq fina “skizofrenija” interna bejn il-ħsieb, ir-rieda, u x-xewqat. Staqsi lilek innifsek x’inhu li l-iżjed iwasslek biex tieħu deċiżjoni, jekk humiex il-valuri li temmen fihom jew inkella humiex is-sentimenti u l-emozzjonijiet li tħoss. Il-persuna matura kapaċi ġġib armonija interna bejn dawn l-oqsma, jew għalmenu hija konxja tat-tensjonijiet u taf tasal tħollhom bir-raġuni stess iżjed milli titkaxkar bħal ilsir mill-passjonijiet. Għalhekk meta nitolbu l-Missierna fir-Rużarju qed ngħidu lill-Missier “ikun dak li trid int” u fl-istess ħin nitolbu l-fejqan fuq il-livell tal-“ħobżna ta’ kuljum” li jista’ jkun immexxi minn boxxla mħawwda.

Fl-aħħar it-talba tar-Rużarju hija talba li toħroġna mis-solitudni li tjassarna. Dan għaliex flimkien magħna fuq din l-avventura ma’ Ġesu’ ġejja magħna Ommu stess, Marija. Min jaf lil Ġesu’ tajjeb daqs kemm tafu Ommu? Fejn ma naslux fil-vjaġġ tagħna warajh, tagħtina daqqa t’id Marija, dik li xtarret ir-rieda ta’ Alla sa mill-bidu, dik il-mara li kienet kapaċi tgħid “iva” mingħajr ma tieħu nofsha lura. Id-dimensjoni femminili tal-ekonomija tas-salvazzjoni, kif sejħilha darba l-Kardinal Biffi, Marija hija l-aħjar kumpann li l-bniedem jista’ jkollu fil-ħajja spiritwali tiegħu. “Agħmlu dak li jgħidilkom hu”, u b’kuraġġ u fedelta’ kbira nsibuha wieqfa u attenta taħt is-salib. Għalhekk ħa nitgħallmu nħarsu lejn Ġesu bl-għajnejn ta’ Marija, ommu u l-ewwel dixxiplu tiegħu.

Mhux ta’ b’xejn tant eluf ta’ Nsara fiċ-Ċina għal snin twal maqfula fil-ħabs setgħu jżommu l-fjamma tal-fidi tagħhom mixgħula biss bis-saħħa tar-Rużarju. Ma nistgħux nimmaġinaw it-terrur u d-dieqa li ġarrbu dawn mingħajr il-faraġ tas-sagramenti mqaddsa tal-Knisja. U għalhekk ir-Rużarju hija talba taż-żgħażagħ daqs kemm hi tal-kbar. Ma ninsa qatt ix-xeni kommoventi li rajt fil-Jum Mondjali taż-Żgħażagħ ġewwa Kolonja fl-2005, meta ħlief żgħażagħ jitolbu r-Rużarju mingħajr mistħija u kullimkien, fl-ajruporti, fl-underground, fil-pjazez ma rajtx. Huwa talba universali fil-veru sens tal-kelma għax huwa msejjes fuq il-Bxara t-Tajba, Kristu. Flimkien ma’ katekista ta’ min jogħqod fuqha, l-għażiża Ommu Marija.


P. Christopher Caruana OP


Suivre la vie du site RSS 2.0 | Plan du site | Espace privé | SPIP | squelette